topleft
 
 Fittex
 Links
 Internet Radio/TV
Seduta 550 11-LUL-07

Ghafas darbtejn fuq il-play button (>)
biex tisma l-intervent parlamentari
ta' Joe Mizzi tal-11 ta' Lulju 2007

Joe Mizzi jitkellem fl-aggornament tas-
Seduta Parlamentari 550

Dokumenti mpoggija fuq il-mejda tal-kamra

Kopja ta' l-ittra mibghuta mill-
Awtorita' Marittima. (format PDF)


Il-ħniżrijiet fl-Awtorita' Marittima …
u sfida ta’ Joe Mizzi biex iressquh bi ksur ta' privilleġġ (11-LUL-07)


MR SPEAKER:
Grazzi.  Rimarki?  L-Onor. Joe Mizzi.

ONOR. JOE MIZZI:  Mr Speaker, il-poplu Malti u Għawdxi qed jinduna kif għedt qabel li pajjiżna hawn problemi serji, problemi morali, minn kull tip ta’ problemi. Imma problemi li qed jiffaċċjaw u joħorġu fil-beraħ dan l-aħħar huma inkwetanti ħafna.  Il-poplu qed jara li hawn korruzzjoni, korruzzjoni li tidher li hemm bil-barka ta’ min għandu l-poter.   U min għandu l-poter bil-mod kif qiegħed jaġixxi qed iktar jagħti lill-poplu x’jifhem li qed jagħti l-barka ta’ din il-korruzzjoni.  Għaliex?  Fil-fatt qed joħorġu ċar li ħafna drabi l-gvern Nazzjonalista qed jiddefendi lil dawk li jkunu mdaħħlin fil-korruzzjoni.    Pero’ meta jinqabad ipinġiha b’tali mod li allura kien hu li qabad il-korrotti, mentri fir-realta’ qed inkunu nafu li l-ewwel kull tentattiv biex jeħilsu lil dawk li huma korrotti biex jgħattulhom il-korruzzjoni, imbagħad meta jiġu dahrhom mal-ħajt jippruvaw joħorġu ta’ heroes. 

Rajna m’hemmx għalfejn ngħidu safejn waslet il-korruzzjoni f’pajjiżna, rajna fil-korp tal-pulizija, rajna fil-qrati, rajna fl-awtorita’ tat-trasport, rajna fil-kuntratti li ngħatajna lil min inaddaf fl-uffiċċini meta jkun hemm min qiegħed il-ħabs minħabba t-traffikar tad-drogi u m’għandix għalfejn insemmi iktar, rajna biżżejjed l-awtorita’ l-MEPA li saħansitra x’qed joħroġ iktar ċar illum li kemm hemm indħil politiku u kemm huwa ċar allura li l-korruzzjoni ġejja minn fuq.

Rajna wkoll dan l-aħħar fil-Malta Maritime Authority. U kulma qed jagħmel il-gvern huwa li jipprova jkisser lil min qed jipprova jiġġieled il-korruzzjoni b’kull mod biex jipprova jaqta’ qalb dak li jkun li jikxef il-korruzzjoni, pero’ l-bużżieqa nfaqgħet ma’ wiċċu issa għaliex il-poplu issa qed jinduna li t-triq li fadallu hu li hu stess joħroġ informazzjoni iktar dwar il-korruzzjoni li għad ma ħarġitx fil-pubbliku.

U jkolli ngħid jien li jien bid-dover li għamilt jien f’dan il-parlament minkejja li jattakkawni li jien giddieb, li jien qed nuża l-parlament biex ngħid affarijiet li mhux veru, anzi jien qed nuża l-parlament għaliex huwa arma demokratika li dak li huma b’saħħithom li ma tistax tapprovalhom legalment li huma korrotti u li qed jagħmlu l-korruzzjoni, hawn din l-arma demokratika li tiġi faċilita’ biex inti tikxef il-korruzzjoni.

Pero’ l-poplu qed jinduna llum li fir-realta’ l-parlament qed nużah b’dan il-mod jien. U għaliex qed ngħid hekk jien?  Jekk wieħed jara u jien se mmur direttament issa għall-qasam marittimu li ili snin kbar ngħid u nitkellem fuq il-ħneżrijiet li kien hemm fil-qasam marittimu, kull darba l-ministru responsabbli jiġi f’dan il-parlament u jgħid li jien nitkellem b’ton differenti mill-oħrajn, u bir-raġun jien nitkellem b’ton differenti mill-oħrajn x’ħin kont qed nitkellem dwar il-korruzzjoni veru, dwar il-ħneżrijiet veru li hemm fil-maritime authority u allura ma jogħġbux.  U għalih jien differenti mill-oħrajn, u bir-raġun.  

U nfakkar jien, mhux darba jew darbtejn ġbidlu l-attenzjoni dwar il-ħneżrijiet li qed isiru fl-awtorita’ marittima, u nirriferilu jien għal Novembru tas-sena li għaddiet meta jien kont għedt biex issir investigazzjoni fl-operat ta’ l-awtorita’ marittima ta’ Malta għaliex fiha qed isiru ħneżrijiet, għedt li qed isiru l-ħneżrijiet.  U fir-realta’ ma ttieħdu l-ebda passi biex dawn il-ħneżrijiet jitwaqqfu. U jien komplejt nuri li hemm il-ħneżrijiet u bqajt niġġieled għaliex kont naf li hemm il-korruzzjoni.

Waslu l-estimi ta’ l-awtorita’ marittima fit-23 ta’ April, u tkellimt u semmejt diversi abbużi, diversi ħneżrijiet li qed iseħħu, semmejt il-proġett taċ-Ċirkewwa, semmejt is-sigurta’ u l-mod kif qiegħed miżmum il-yacht marina u l-akwati u x’inhu jiġri fil-yacht marina li hemm abbużi fil-berthing u f’diversi affarijiet. Semmejt ukoll li kien hemm min qabeż fil-berthing 600 u ma ttieħdu l-ebda passi. Semmejt ukoll li waqt il-gvern kien jiftaħar li mhux se jirreġistra bastimenti ta’ 25 sena u ‘l fuq, imbagħad beda jirreġistrahom għax kienu qed imorru għand xi aġenta partikolari.  Semmejt ukoll dwar nuqqasijiet li kien hemm f’basitimenti, imbagħad minn fuq se jipprova li jgħid għax jien kont poġġejt dokument fejn turi li kien hemm dawn in-nuqqasijiet, se jipprova minflok jinvestiga biex jara dawn in-nuqqasijiet ħalli jirranġahom ipprova jgħid li l-ittra jaf minn fejn ġiet u allura minflok se jinvestiga ħneżrijiet se jinvestiga min seta’ tagħni l-ittra. Dawn huma l-affarijiet li ma jitwemmnux.

Pero’ ċaqilqitu sew dikinhar, l-estimi ċaqilquh sew u tant ċaqilquh li qal li se jindaga fuq dak li għedt jien u jagħtini informazzjoni iktar tard. Min-naħa tiegħi jien erġajt tkellimt f’aġġornament u erġajt għamilt enfasi li hemm il-ħneżrijiet u qed nistenna li jagħti riżultati ta’ dak li qal li se jiċċekkja u qal li se jkompli mbagħad iktar tard li se jara l-affarijiet.  Fil-fatt x’ġara?  Ġara li talab biex jagħmlu rapport u rapport fil-fatt li ħaseb li se jkollu hu kien rapport differenti għaliex awditura żgħira skopriet dawn il-ħneżrijiet u għaddithom lil min kien responsabbli, u min kien responsabbli pprova jaħbihom biex il-ministru ma jiġix fit-trouble iktar milli kien hemm, li kellu qabel. Dik hija l-verita’, dik hija r-realta’.

U meta jien sirt naf dawn l-affarijiet komplejt nagħmel il-pressjoni tiegħi. U minn hemm imbagħad bdew ħerġin l-affariijet u bdejt nara ċerti manuvri. U fil-fatt jien għamilt diversi mistoqsijiet biex nuri li naf x’inhu jiġri, urejt jien li kienu qegħdin jitqattgħu l-files. Diversi affarijiet, urejt biex nuri li qed isiru ċerti affarijiet. Imma l-biċċa xogħol qiegħda li l-ministru kien jaf ċerti affarijiet, u mhux ma kienx jaf, mhux billi jiġi f’dan il-parlament bħal meta jien kont għamiltu mistoqsija fil-5 ta’ Ġunju u staqsejtu jekk jafx li kien hemm min kien qed jieħu Lm170 biex joħroġ ċertifikat.

U hu kien qal dikinhar li ma jaf b’xejn, u qalli biex nagħmel mistoqsija bil-miktub ħalli jkun jista’ jivverifika jekk hux minnu dak li qed ngħid jien dak il-fatt. Qed jgħid jiġifieri li ma kien jaf b’xejn.  Imbagħad joħroġ fil-gazzetta lokali u jgħid li hu kien jaf fl-24 ta’ Mejju. L-ewwel gidba fil-parlament. U s-Sedja li qiegħda mmexxija minn deputat nazzjonalista ma tagħti kas xejn ta’ din il-gidba u kollox jibqa’ għaddej. U jgħid il-Ministru Galea li ġew informati l-pulizija qal, ġie informat iċ-chairman u ġie informat il-Prim Ministru. Imbagħad wara jirriżulta li m’hu veru xejn, li l-pulizija kien għadu ma bdewx jinvestigaw. U fil-fatt jien erġajt għamilt pressjoni għaliex kont naf li qed jitqattgħu l-files. Kont naf li qed jinħbew ċerti affarijiet. U x’ġara? U l-pulizija mbagħad fir-realta’ marru biex jibdew jinvestigaw l-għada li kont tkellimt jien, jiġifieri li kont tkellimt fil-5 ta’ Ġunju.

U l-Ministru f’dan il-parlament, barra l-parlament jgħid li jien giddieb għax l-investigazzjonijiet bdewhom fl-24 ta’ Mejju. Illum issa fil-qorti xhieda ċar u tond qiegħda li l-investigazzjonijiet bdew wara li tkellimt jien, wara l-5 ta’ Ġunju. Issa hemm il-provi.  Oħra li l-Ministru Galea gideb, u dan mhux jien qed ngħidulu, imma qatilu l-qorti li gideb għaliex fil-qorti hemm li l-investigazzjoni bdiet wara li tkellimt jien. Dik hija l-verita’. U jekk kien  hemm xi ħaġa li turi bis-serjeta’ li dak li qed ngħid jien huwa verita’, huwa li kien  hemm min ammetta li huwa korrott. Kien hemm min ammetta. Meta diġa’ hija raddiena dak li għedt jien huwa verita’ ………………..

 

…… ngħid jien huwa verita’, huwa li kien  hemm min ammetta li huwa korrott. Kien hemm min ammetta. Meta diġa’ hija raddiena dak li għedt jien huwa verita’.  Imma barra li pprova jgiddibni wkoll jipprova jieħu r-raġun li qishom kienu huma li mexxew l-affarijiet biex jinqabdu għaliex l-awdituri kienu qed jagħmlu xogħlhom. Skużi, kien hemm mijiet ta’ falsifikazzjoni s-sena l-oħra u ta’ qabilha. Kif ma qabduhomx l-awdituri?  Ħbewlhom, għattewlhom?  X’għamlu b’dawn l-affarijiet?   Hemm brimba kbira fl-awtorita’, u mhux fil-parlament qegħdin jippruvaw biss ikissru lili mingħalihom, li lili mingħalihom jintimidawni biex ma nkomplix nagħmel xogħli. Jiddispjaċini għaliex se nkompli nagħmel xogħli. Imma anke min imur fl-awtorita’ marittima fl-uffiċċju tagħha jipprova jiġġieled għad-dritt tiegħu, jispiċċa intimidat u jagħlqulu ħalqu meta jitkellem dwar korruzzjoni.

U se npoġġi kopja ta’ ittra li avukat bagħat lil wieħed li mar jiġġieled għad-drittijiet tiegħu fl-uffiċċju tal-marina.  Dan jgħidlu hekk l-avukat: 

“Niktbu f’isem l-awtorita’ marittima ta’ Malta, tal-Maritime House, Lascaris Wharf, Valletta.

Wara li aktar kmieni llum inti mort l-uffiċċju tal-yachting directorate ta’ l-awtorita’ ġewwa Ta’ Xbiex fejn heddiet lil, u għamilt allegazzjonijiet serji ….

- u għamilt allegazzjonijiet serji, nerġa’ nsemmi –

“….  kontra John Farrugia, small ships administrator. Fid-dawl ta’ dan l-awtorita’ ……  interpellat sabiex mil-lum ‘il quddiem tindirizza kwalunkwe komunikazzjoni tiegħek ma’ l-awtorita’ bil-miktub biss u tinterpellak ulterjorament sabiex ma tersaqx iżjed lejn id-direttorat tal-yachting.”.

“Ma tersaqx iżjed”.   Mar jiġġieled id-dritt, mar jgħidilhom li hemm il-ħneżrijiet, jiġifieri l-korruzzjoni, u minflok ħadu passi biex jinvestigaw il-korruzzjoni jorbtulu idejh biex ma jersaqx ‘l hemm u jhedduh legalment. U se npoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. U jekk qed  jgħidu li dan mar qala’ t-trouble lest li nġib evidenza li m’hu veru xejn mar jiġġieled għad-drittijiet tiegħu b’mod uman. Dawk l-affariijet, dawk il-mod ta’ ħneżrijiet. U dan ma jistax jgħid ma jafx il-ministru għaliex anke dawk kienu waslu għand il-ministru dawn l-affarijiet. Ma jistax jgħid li ma kienx hemm dawn il-ħneżrijiet.

Imbagħad insibu, u semmejt jien u poġġejt dokumenti li juru persuna li għandha kariga għolja ta’ executive secretary li għal snin kbar ma tagħmel xejn, ħlief tixrob l-imbid ma’ dak li akkużat li għamel il-korruzzjoni. U ħadd ma jagħti kashom għax huma ħbieb tal-ħbieb. Urejt jien bir-rassenja li kienet għal perijodu sick, u m’hu veru xejn għax tmur f’nofsinhar tiekol hemmhekk. Urejt ir-rassenja li ma kenitx qed tidħol għax-xogħol, imbagħad f’daqqa waħda wrejt ir-rassenja wkoll li daħlet meta bdew jitqattgħu l-files, u unitli tgħidli biex ngħid barra għaliex jien konvint u fiċ-ċert.

Issa min qed jipproteġi lil din il-persuna huwa responsabbilta’ tiegħu. Imma dak li qed ngħid huwa l-verita’ u niċħdu qatt u se nibqa’ ngħidu sakemm min ħaqqu jieħu li ħaqqu. Dawn huma l-veritajiet, dan li qed jiġri l-ħneżrijiet waħda wara l-oħra, u għad hemm ħneżrijiet fuq il-berthing.  Ħadu mijiet ta’ liri minn fuq il-berthing meta din il-persuna kienet responsabbli u kienu jitkellmu n-nies ukoll li kien hemm ħneżrijiet. Hemm jottijiet li jieħdu berths għadhom ġejjin. Kif?  Meta suppost hemm proċedura wara min imissek.  Dawn huma l-affarijiet. U għandhom jidħlu fihom ħalli jarawhom dawn l-affarijiet.  Dawn huma ħneżrijiet li wieħed ma jistax iħallihom għaddejjin. ‘il quddiem inkunu nafu iktar, inkunu nafu l-files liema tqattgħu, liema dokumenti tqattgħu u nkunu nafu ħafna affarijiet iktar fil-maritime authority għaliex hemm nies li qegħdin konsulenti, m’hu qed jagħmlu xejn hemmhekk imma għaliex huma bażużli nazzjonalisti, ma jagħmlu l-ebda xogħol u jitħallsu u jitħallsu l-belli liri.

Din hija xi ħaġa li ma titwemminx, u għalhekk m’iniex se nieqaf hawn. Jhedduni kemm jhedduni se nkompli, minkejja li jingħad gideb f’dan il-parlament. U min hu responsabbli ma jieħux responsabbilta’, għaliex?  Għax forsi s-Sedja hija mmexxija minn deputat nazzjonalista?  Għaliex …..

MR SPEAKER:   Jekk jogħġbok Onorevoli, oqgħod attent kif titkellem.

ONOR. JOE MIZZI:  Qed ngħid il-verita’.  Mhux deputat nazzjonalista?

MR SPEAKER: Oqgħod attent kif titkellem Onorevoli.

ONOR. JOE MIZZI: Mhux qed nigdeb jien.   Għaliex meta l-affarijiet meta jiġu mqajma f’dan il-parlament jimxu b’mod u mod ieħor?  U biex iktar inkompli ħalli naqbeż għal xi ħaġa oħra fuq gideb ukoll li qal ministru ieħor f’dan il-parlament u jidher ukoll li se joħroġ scot-free għaliex l-istess m’hawnx bilanċ f’dan il-parlament.  Pero’ se nfakkar f’diskors li qal l-Onor. Lawrence Gonzi fil-parlament għall-mistoqsijiet li għamilt jien dwar il-Ministru Mugliett.  Il-Prim Ministru qal hekk:  huwa kundannabbli li jkollok persuna jew individwi li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u jissuġġettaw irwieħhom għall-korruzzjoni u għandna nużaw il-mekkaniżmu kollu tal-liġi biex lil dawn in-nies inġibuhom quddiem il-ġustizzja biex tiddeċiedi l-ġustizzja x’għandu jsir.  Pero’ dan il-każ bil-politiku jerfa’ responsabbilta’ biex dawn l-affarijiet jitmexxew u jmur anke lil hinn biex jara li jkun hemm analiżi dettaljata ta’ l-operat kollu.  Dan huwa l-metodu kif f’pajjiżna għandna nimxu.  Naturalment wieħed dejjem jipprova jtejjeb.  Hekk għamel il-Ministru Mugliett?  Min hu ħati ta’ korruzzjoni m’għamilx il-pressjoni biex jipprova, minn hawn jew minn hemm, jgħaddih mit-tieqa biex jerġa’ imur lura f’postu fuq ix-xogħol!  Il-prim ministru għadu kemm qal dan id-diskors imbagħad ma jsib xejn ħażin fil-Ministru Mugliett!  Ma jaċċettax ir-riżenja tiegħu!  Dawn xi ħniżrijiet huma!  Ma jistax ikun nibqgħu mexjin hekk f’dan il-pajjiż.  Jiena hawnhekk tkellimt fuq il-Ministru Mugliett u ċċalinġjajtu biex jgħid dwar il-konflitt ta’ interess illi għandu.  U dan biċ-ċar.  U minn fuq jipprova jiġi jgiddibni wkoll għax għidtlu li l-kumpannija tiegħu u l-kumpannija ta’ dak l-individwu  l-ieħor li qegħdin fl-istess bini għandhom l-istess għanijiet, l-istess nies u jiġi jgħidli li jien qed nigdeb.  U hawnhekk nirriferi għal dak li qal il-Ministru Mugliett, fejn qal hekk:   Jien, l-Interpellant, qed ngħid li dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom l-istess nies, l-istess għanijiet u huma assumptions tiegħi.  Imbagħad inpoġġi d-dokumenti fuq il-mejda tal-Kamra u nurih li hu giddieb u li dak li għidt jien huwa kollu korrett.  U jibqa’ kollox għaddej f’din il-Kamra!  Imma jista’ ikun inħallu dawn il-ħniżrijiet?  Jista’ ikun ministru għal ħames snin sħaħ, kumpannija li qiegħed fiha ma jagħti l-ebda dokumenti lill-MFSA dwar il-qagħda finanzjarja u qisu  mhu qed jiġri xejn!  U jkun hemm individwu mbagħad ma nafx x’ma jibgħatulux biex ikissruh.  Mr Speaker, nerġa’ intenni li ma jistax ikun illi meta xi ħadd f’dan il-parlament jagħmel id-dover tiegħu, jagħmel il-pressjoni tiegħu biex ma nħallux dawn il-ħniżrijiet għaddejjin u minn fuq min qiegħed  hemmhekk biex jipproteġih iħallih jaqla’ fuq wiċċu.  U jien qed nirriferi għal dik l-ittra li ressaqt il-bieraħ bi Ksur ta’ Privileġġ.  Ċara li dik intimidazzjoni.  Xi protezzjoni ħadt jien?  Xejn ma ħadt.  Mhux talli ma ħadtx protezzjoni, talli meta ngħolli leħni f’dan il-parlament issir diskriminazzjoni kontra tiegħi u dan bil-provi.  Il-bieraħ l-Onor. Tonio Borg qal ċar u tond li l-Ksur ta’ Privileġġ għandi nressqu l-istanding orders u jien hekk għamilt.  Pero’ meta ressaqhom l-Onor. Fenech Adami qatt ma qalulu biex iressaqhom skond l-istanding orders u ma ressaqhomx skond l-istanding orders meta ressaq Ksur ta’ Privileġġ u dakinhar is-Sedja ma qaltlu xejn.  Lill-Onor. Joe Mizzi is-Sedja biss tgħid meta jagħmel hekk. U lill-Onor. Joe Mizzi tgħidlu:  meta tagħti ruling trid timxi skond il-prassi u lil ħaddieħor is-Sedja timxi miegħu differenti skond kif jaqbel.  Ma nistgħux naċċettaw dawn l-affarijiet.  U s-Sedja tatu ċans lill-Onor. Tonio Borg biex jagħmel intervent kemm meta ressaq każ ta’ Ksur ta’ Privileġġ il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u anke meta ressaqtu jien. U meta ressaq każ ta’ Ksur ta’ Privileġġ kontra tiegħi bla ma ressqu skond l-istanding orders ma ngħatajtx sekonda ċans nispjega ruħi.  Ara x’diskriminazzjoni!  U għaliex?  Għaliex jien għidt dakinhar u għalhekk ġejt imressaq quddiem il-Kamra li jien naqbel ma’ dak id-diskors.  Kont għidt li kien hemm diskors korrott u qed naqbel ma’ dak id-diskors.  U allura jien kontra r-regolamenti – u ma jimpurtax – ġejt imressaq bi Ksur ta’ Privileġġ u s-Sedja tat prima facie li jien ħati ta’ Ksur ta’ Privileġġ.  Inressaq każ ta’ Ksur ta’ Privileġġ kontra membru ta’ din il-Kamra għax qal illi jien ħati ta’ Ksur ta’ Privileġġ mhux prima facie u s-Sedja tgħid li dak mhux Ksur ta’ Privileġġ.  Mela waħda tgħid li jiena prima facie ħati umbagħad taċċetta ta’ membru li qed jgħid li jien ħati mhux prima facie.  Dawn tar-ruling act.   Jistgħu jitwemmnu dawn?

ONOR. JOE MIZZI: li jiena prima facie ħati mbagħad taċċetta ta’ membru li qed jgħid li jien ħati mhux prima facie.  Dawn tar-ruling act.  Jistgħu jitwemmnu dawn?  Pero’ waħda se ngħid jien.  Sena ilu ngħata Ksur ta’ Privileġġ kontra tiegħi.  X’qed iżommha lis-Sedja biex tipproċedi?  Għaliex dan il-biża’ kollu?  Nitlobkom, ipproċedu għax se nsostniha dik il-kelma.  Ipproċedu kontra tiegħi.  Qed nitlobkom biex tipproċedu.  Imxu, mexxu.  M’għandix minn xiex nibża’ jien.  Għaliex qadtu lura daqshekk?   Tant kontu ħerqanin biex tressquni?  Għaliex issa ma mxejtux wara sena?  Imxu qabel tingħalaq il-leġislatura ħalli l-poplu Malti imbagħad jisma’ x-xhieda, jisma’ l-affarijiet, jisma’ l-ħniżrijiet.  Hekk iva.  U nitlob biex immedjatament minn din il-ġimgħa tibdew tmexxu kontra tiegħi.  U nitlob ħalli mbagħad toħroġ il-verita’, ħalli mbagħad inkunu nafu l-parlament min jużah fl-interess tal-pajjiż u min jużah biex jaħbi l-affarijiet.  Mr Speaker, qabel nagħlaq nitlob il-permess biex inressaq xi dokumenti fuq il-mejda tal-Kamra.

 
MR SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri:  Iva)
 
Il-permess ingħata.

ONOR. JOE MIZZI:  Mr Speaker, inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra:

Ittra li l-Onor Joe Mizzi rċieva mingħand l-avukat ta’ l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta dwar żjara li l-Onor Joe Mizzi għamel fl-Uffiċju tal-Yachting Directorate f’ Ta’ Xbiex.

MR SPEAKER:  Grazzi.  Aktar rimarki?  Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT (Kap ta’ l-Oppożizzjoni):  Sur President, xtaqt inressaq għall-attenzjoni ta’ din il-Kamra tliet punti li jinsabu fid-diskors tal-poplu. 

L-ewwelnett, dak li ġara fir-rigward tal-Ministru Jesmond Mugliett.  Fit-2 ta’ Lulju għamel stqarrija hawnhekk il-Ministru Jesmond Mugliett – diġa’ tkellimna dwarha – illi d-deċiżjoni li ma jitkeċċewx - proviżorjament għallinqas – impjegati ta’ l-awtorita’ dwar it-trasport li kienu misjuba ħatja ta’ tixħim ittieħdet b’mod kollettiv.  Sussegwentement sirna nafu li meta kien qiegħed jagħmel dik l-istqarrija hawnhekk quddiem dan il-parlament, il-ministru kien issottometta r-riżenja tiegħu lill-prim ministru u kien qed jistenna d-deċiżjoni tal-prim ministru fuq ir-riżenja tiegħu.  Dan skond x’qal il-Ministru Mugliett. 

Sussegwentement ukoll irriżulta li l-Ministru Mugliett gideb f’din il-Kamra għax ġie mgiddeb b’mod pubbliku u apert miċ-chairman ta’ l-awtorita’ dwar it-trasport, fis-sens li mhu veru xejn illi d-deċiżjoni kienet kollettiva, li l-bord ma ġiex konsultat u li effettivament li ġara kien li l-ministru kkomunika mas-CEO ta’ l-awtorita’ dwar it-trasport u qallu x’għandu jagħmel fuq dawk iż-żewġ impjegati. 

Skond il-Ministru Mugliett sussegwentement ukoll jirriżulta li l-prim ministru qallu li mhuwiex se jaċċetta r-riżenja tiegħu.  Dan dejjem skond x’qal il-Ministru Mugliett.  Jekk dawn il-fatti huma kif għadni kemm għidthom, il-mistoqsija tqum jekk il-prim ministru ġiex iffaċċjat bl-offerta tar-riżenja tal-Ministru Mugliett.  Fl-istess nifs li l-Ministru Mugliett qal lill-prim ministru, kif qal lil din il-Kamra, illi d-deċiżjoni kienet kollettiva meta rriżulta li fil-fatt din kienet gidba. Allura tqum il-mistoqsija jekk il-prim ministru rrifjuta li jaċċetta r-riżenja tal-Ministru Mugliett – skond il-Ministru Mugliett – għax kien taħt l-impressjoni li, kif qal il-Ministru Mugliett lil dan il-Parlament b’gidba, id-deċiżjoni kienet kollettiva.  Jistax allura jqum il-punt li effettivament ir-riżenja ma ġietx aċċettata għax il-prim ministru kellu jew aċċetta l-gidba tal-Ministru Mugliett li kienet deċiżjoni kollettiva?  Dawn huma mistoqsijiet li qed jistaqsi l-poplu.  Eżattament x’ġara.  Għaliex il-prim ministru irrifjuta l-offerta tal-Ministru Mugliett li jirriżenja skond il-verżjoni li qed jagħtina l-ministru stess?  U jekk jirriżulta li anke l-prim ministru, il-ministru tiegħu kien qed jigdiblu u jgħidlu li kienet deċiżjoni kollettiva meta fil-fatt ma kienitx, allura bir-rispett kollu l-poplu għandu dritt jistaqsi li dawn l-affarijiet jiġu ċċarati mill-prim ministru innifsu.  Il-ministru għandu d-dover li jagħti spjega lil dan il-parlament u jagħti spjega lill-poplu Malti u Għawdxi eżattament x’ġara dwar il-pożizzjoni tal-Ministru Mugliett fir-rigward tiegħu bħala l-qagħda tiegħu bħala ministru.  Għax jekk il-Ministru Mugliett mhux biss gideb lil din il-Kamra kif għamel, imma gideb ukoll lill-prim ministru, allura qed tiġi attakkata d-deċiżjoni tal-prim ministru li jirrifjuta l-offerta tal-Ministru Mugliett biex jirriżenja.  U bl-aktar mod ċar u qawwi qiegħed nisfida li dik hija l-kelma li jkolli nuża hawn għax il-prim ministru messu li issa, bħala ħaġa naturali għalih,  jagħmel stqarrija lil din il-Kamra, stqarrija lill-poplu Malti u Għawdxi.  Għax qed nisfida lill-prim ministru biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu b’mod ċar fuq il-qagħda tal-Ministru Mugliett skond iċ-ċirkostanzi li żviluppaw f’dawn l-aħħar ġranet.  Dak l-ewwel punt.

It-tieni punt.  Naħseb li hemm bżonn li l-gvern fir-rigward tal-fatti dwar tixħim sħiħ li jinsab evidenti f’dan il-gvern ....  Dwar dan il-gvern ma nistgħux nitkellmu aktar fuq korruzzjoni istituzzjonalizzata, nistgħu nitkellmu fuq korruzzjoni li hija rekwiżit biex tipparteċipa fix-xogħol ta’ dan il-gvern.  Wasal iż-żmien illi l-prim ministru jew il-viċi prim ministru jew il-gvern kollettivament jagħmlu stqarrija sħiħa fuq x’ġara u ma ġarax dwar każi ta’ tixħim li ħarġu b’mod lampanti.  Il-każ ta’ tixħim fis-servizzi soċjali li fihom kien impjegat membru għoli tas-segretarjat privat tal-Ministru Deguara flimkien ma’ persuna mqabbda tajjeb fid-dipartiment tas-servizzi soċjali.  X’ġara eżattament minn naħa tal-gvern fuq dak il-każ?  Il-fatti u l-fatti quddiem dan il-parlament, il-fatti quddiem l-iskrutinju tal-poplu Malti u Għawdxi.  L-istess stqarrija dettaljata dwar każi li għadu kemm semma’ sieħbi l-Onor. Joe Mizzi imma li għadhom imċajpra, fil-każ ta’ l-awtorita’ marittima dwar il-kwestjoni tal-ħruq ta’ dokumenti minn persuna relatata maċ-chairman ta’ l-istess awtorita’ u fil-każ ta’ l-awtorita’ dwar it-trasport.    U x’ġara?  Fejn wasalna fuq l-allegazzjonijiet qawwija li saru mill-ex deputat Nazzjonalista Portelli fir-rigward ta’ tixħim u korruzzjoni fl-isptar Mater Dei?  Hemm bżonn illi l-gvern comes clean fuq dawn l-affarijiet, jagħti stqarrija lil dan il-parlament u lill-poplu fuq dawn it-tliet pożizzjonijiet x’ġara minnhom, fejn wasalna, x’inhu jsir. 

It-tielet punt.  Aħna konna taħt l-impressjoni, bħala Oppożizzjoni, li l-gvern ra bħala ħaġa raġjonevoli u serja li wara l-ftuħ, inawgurazzjoni, għoti f’idejn il-gvern – għidilha xi trid – ta’ l-isptar Mater Dei jagħmel il-prim ministru stqarrija lil dan il-parlament dwar fejn ninsabu fuq dan l-isptar.  Meta l-prim ministru qal li wasal ma’ SKANSKA fuq kif se jimxu l-affarijiet fin-negozjati u fix-xogħol dwar il-kostruzzjoni ta’ l-isptar Mater Dei, ġie jagħmel stqarrija hawnhekk, tliet snin ilu jew ftit aktar.  Issa kellna ċ-ċerimonja l-kbira – għaddiet aktar minn ġimgħa fuqha – il-gvern qed jgħid li ngħata l-isptar Mater Dei f’idejh u wieħed kien jistenna – u hekk wegħedna jew fhimna li qed niġu mwegħda – li l-gvern se jagħmel stqarrija f’dan il-parlament fuq dan il-passaġġ ta’ responsabbiltajiet mill-kostruttur għal għand il-gvern ħalli nkunu nistgħu mbagħad nistaqsu mistoqsijiet – kif dejjem isir – bi skrutinju trasparenti.  Anzi ħsiebna li konna mwegħda wkoll li l-gvern se jagħtina notice minn qabel, pre avviż li se jagħmel dik l-istqarrija, ħalli nkunu nistgħu niġu hawnhekk nagħmlu l-homework u nistaqsu l-mistoqsijiet.  Jekk fhimt tajjeb, il-gvern issa qed jirtira din l-offerta, din il-proposta li hija naturali u normali f’demokrazija.  Jiena nipprotesta kontra dan l-aġir.  X’inhu jbeżża’ lill-prim ministru milli jagħmel stqarrija dwar dak li ġara fid-29 ta’ Ġunju?  X’inhu jżommu milli jiġi quddiem dan il-parlament u jagħmel stqarrija sħiħa u ċara fejn ninsabu, x’ġara fit-transfer of responsibilities, ħalli dan il-parlament f’isem il-poplu Malti u Għawdxi ikun jista’ jistaqsi mistoqsijiet sempliċi, imma importanti, li jwasslu lill-poplu biex ikun jaf eżattament x’inhuma l-fatti u fejn ninsabu bħalissa fir-rigward ta’ l-isptar Mater Dei?  Bħalissa ninsabu fid-dlam, Sur President, kif ninsabu fid-dlam f’ħafna proposti u proġetti li l-gvern jiftaħar bihom, imma niftaħru ħafna u nwettqu ftit.  Grazzi.

 

    
Click on image to view image gallery
spacer
Official website of Joe Mizzi MP
Bar-B-Que Sparatura